Is-26 ĦADD TAS-SENA:
*L-Evanġelju ta’ S.Mattew li qed jinqara f’dawn il-Ħdud, jippreżentalna in-nisrani fi proċess kontinwu u li jieħu ż-żmien, tal-konverżjoni, frott tal-laqgħa personali ma’ Ġesù Kristu u l-fidi fih. Rajna kif anke fi bliet pagani, Ġesù Kristu għamel mirakli, hu li ġie biex jfittex lil dawk li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael. Għal min ikkonverta, dan kien mument uniku għax ra lilu nnifsu mfejjaq, ħieles u mħaddan mill-ħniena. Għal min kien mimli bih innifsu u qatt ma ħass il-bżonn li jiltaqa’ mas-Salvatur, laqgħat bħal dawn pjuttost iddiżappuntawh u skandalizzawh.
*Il-Vanġelu llum, iqaxxar din is-sitwazzjoni. Għandna żewġ aħwa tal-istess Missier li jirċievu l-istess kmand x’jobdu. It-tnejn ġiebu ruħhom ħażin miegħu għax ma stmawx ir-rieda tal-missier, imma fl-aħħar mill-aħħar it-tnejn irrejalizzaw li ħadd minnhom ma kien aħjar minn ħadd. Inkixef il-bżonn li tinbidel il-fehma biex kull wieħed induna x’kellu f’qalbu. Għax il-Mulej kellu raġun meta stqarr li n-nisa tat-triq u l-midinbin jidħlu qabel kulħadd fis-Saltna, qabel dawk li jsejħulu ‘Mulej, Mulej’. Hekk qal il-Profeta Eżekjel fl-I Qari: “Forsi l-imġieba tiegħi mhix sewwa? Mhux l-imġieba tagħkom li mhix sewwa?”.
*Mela mhux kull ma jolqot l-għajn, u mhux kull ma jdoqq ħelu, jiswa quddiem Alla! Dak li jtebba’ lill-bniedem mhux dak li jidħol minn barra, bħalma it-tazza mhux biżżejjed tkun nadifa minn barra, imma l-aktar li jgħodd li tkun nadifa minn gewwa ukoll. Għax dak li joħroġ mill-qalb, dak li jtebba’ lill-bniedem. Hemm bżonn urġenti għall-konverżjoni. X’ifisser dan? Ifisser li nibdew inkunu umli, li ngħarfu min aħna tassew, jekk dak li qed nagħmlu hux qed nagħmluh bl-ambizzjoni jew hux għall-frugħa. Għal dan qed jistedinna San Pawl fit-II Qari, biex jekk imxennqin għal għal ftit faraġ, għal ħlewwa fl-imħabba, ħniena, mogħdrija u għaqda bejnietna, jeħtieġ li Alla jidħol fi ħsibijietna u nħalluh jibdlilna n-natura mħassra tagħna ma tiegħu. Jekk irridu nqisu lilna nfusna li aħna ta’ Ġesù Kristu jeħtieġ li ngħixu kif għex Hu stess.
*Dan hu l-iskop li llum qed niċċelebraw JUM L-ORDNI FRANĠISKAN SEKULAR, biex nissensibilizzaw lilna nfusna lkoll kemm aħna dwar din ir-rejaltà fil-Knisja. Huwa Ordni mibdi minn San Franġisk innifsu biex jilqa’ fih persuni li filwaqt jibqgħu jgħixu l-istat tagħhom bla ma jintrabtu bil-wegħdiet religjużi, jieħdu b’serjetà u jattwaw il-Vangelu billi jgħixu l-magħmudija skond il-ħsieb u l-esperjenza ta’ San Franġisk fiż-żminijiet tal-lum. Le, it-Tielet Ordni Franġiskan mhux mezz biex ikun akkwistat qabar għal wara mewtna, mhux għaqda tal-anzjani jew tar-romol jew b’sigurtà għax tiltaqa’ sempliċiment m’oħrajn bi problemi bħal tiegħekk. Illum l-Ordni iħaddan fih mal-350,000 persuna, miżżewġa, anzjani, żgħażagħ, nies minn kull stat ta’ ħajja f’76 pajjiż inkluż pajjiżna ukoll biex jircievu formazzjoni ħalli jagħmlu esperjenza ta’ Ġesù Kristu mhux fuq livell sentimentali jew devozzjonali u li ħafna drabi xorta jħallu l-persuna vojta, mtaqqla, instabbli u
atea quddiem il-problemi ħajjin, imma mgħejjuna mill-ħeġġa, mill-kelma, mill-kitba u l-għixien ta’ San Franġisk li fi żmienu sar Vanġelu ħaj, il-membri fi ħdan dan l-Ordni, ikollhom l-istess spirtu nisrani u jaslu jkunu xiehda awtentiċi tal dak li huma wegħdu fi1-Magħmudija: Melħ tal-art u Dawl għad-dinja.
*Qed nagħmlulkom stedina biex tissieħbu f’dan l-Ordni biex ikollkom esperjenza vera tal fidi f’Alla, tal qadi ħieles minn kull biża’ jew kompromess, ta’ fejqan sħiħ u konverżjoni biex bħal San Franġisk tibqa’ fina ambizzjoni waħda, li nkunu nsara fil-knisja, b’saqajna fl-art imma ħsibijietna, kliemna u għemilna mhux aktar ikkundizzjonati mis-soċjeta’ imma mdawwrin lejn Alla li għandu storja għalina u jridna nħossuna maħbubin minnu u nitrasmettu din l-imħabba lejn xulxin, bejn il-familji, u mhux l-inqas lejn il-ħolqien u l-ambjent li jdawwarna.
Ix-xewqa tal-Knisja li approvat dan l-Ordni hi, li l-persuna tal San Franġisk u l-messagg tiegħu li baqa’ dejjem frisk f’kull żmien, tidher u tinħass mhux biss bil-patrijiet u s-sorijiet li ħaddnu l-idejal tiegħu; imma b’kull nisrani li massalmista llum jista’ jgħid:
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Għalik nixxennaq il-jum kollu;
Nitolbu biex fil-verità nħossu l-bżonn bħall-wieħed mill-aħwa tal-Vanġelu! li biddel fehmtu u emmen fir-rieda tal-Missier. Illum qed nippreżentawlkom it-Tielet Ordni Franġiskan bħala wieħed mill-mezzi fi ħdan il-Knisja li jista joffrilkom spazju fejn Alla nnifsu juri triqtu lilna midinbin u fiha jmexxina fis-sewwa kollu, b’risq is-salvazzjoni tagħna u ta’ ħutna.